Il-Ġidri r-Riħ – Tilqima Waħda jew Tnejn?‏

10/11/2009 10:21

 

Diversi ġenituri staqsewni fuq it-tilqima tal-ġidri għax qed jingħad li hemm bzonn tingħata f’darbtejn, u mhux f’darba kif kienet il-prattika s’issa.

Fit-tfal taħt it-tlettax il-sena konna nagħtu tilqima waħda, kif kien rikommandat mill-produtturi stess (GSK, il-kumpanija li tipproduċi l-Varilrix). Hekk ukoll kien isir fl-Ewropa kollha. Fl-Amerika jużaw tilqima simili, Varivax, u hemmhekk jagħtu żewġ tilqimiet lil kulħadd.

Mill-esperjenza nafu li wħud mit-tfal li jieħdu tilqima waħda joħorġu l-ġidri, ħafna drabi ħafif; oħrajn ma joħorġu qatt il-marda.

Dan l-aħħar il-kumpanija biddlet l-informazzjoni fuq l-użu tal-Varilrix għax l-istudji riċenti juru li żewġ tilqimiet jagħtu protezzjoni akbar, u għalhekk qed jirrakkomandaw żewġ tilqimiet (sitt ġimgħat jew aktar bejniethom).

Meta tiġu biex tieħdu deċiżjoni bħala ġenituri, żommu f’moħħhom l-iskop li tridu tilħqu:

1.      Jekk tridu tipproteġu t-tfal mill-marda u l-komplikazzjonijiet serji, allura tilqima waħda biżżejjed, imma jibqa’ ċ-ċans (30%)  li joħroġu l-ġidri, ħafna drabi ħafif. Barra minn hekk, m’hemm xejn x’iżommkom milli tagħtu booster jekk fil-futur tbiddlu l-ħsieb.

2.      Mill-banda l-oħra, jekk tridu tagħtu aktar protezzjoni biex it-tfal qatt ma jimirdu bil-ġidri, allurua għandkom tagħtu it-tieni tilqima wkoll. F’dak il-każ, il-booster trid tkun l-istess bħall-ewwel waħda (Varilrix jekk kien ħa Varilrix, jew Varivax jekk kien ħa Varivax).


aboutbabies@gmail.com