Inħarsu t-Tfal fis-Sajf‏

06/07/2010 19:47

Iż-żmien sabiħ tas-sajf iġib miegħu problemi u perikli għat-tfal, speċjalment ix-xemx u l-baħar. Dawn huma ftit ħsibijiet kif nipproteġu ‘l uliedna.

L-Għawn

It-tfal m’għandhomx jitħallew jgħumu mingħajr superviżjoni kontinwa tal-ġenituri jew xi ħadd adult. F’Malta għerqu tfal fil-baħar u fil-pools. Għallem it-tfal jgħumu minn kmieni, u tgħallem kif tagħti l-ewwel għajnuna (CPR). Għallimhom ma jaqbżux għal rashom jekk ma jafux kemm hu fond il-baħar (kien hemm tfal li kissru x-xewka ta’ daharhom, baqgħu paralizzati u mietu għax ħabtu rashom mal-blat). Tħallix lit-tfal f’pools ‘indoors’ għal ħin twil minħabba ir-riħa tal-chlorine li tista’ tagħmel ħsara lill-pulmun. Laħlaħ lit-tfal bl-ilma ħelu, u xxotta sewwa bejn is-swaba tas-sieq (minħabba Athelete’s Foot).

Infezzjoni fil-Widna

L-infezzjoni tiġri għax jidħol l-ilma baħar fil-kanal tal-widna. Tgħumx f’baħar ikkontaminat. Ear plugs għal min taqbdu ta’ spiss. L-infezzjoni tista’ titfejjaq b’antibijotiku fil-widna, u paracetamol/ibuprofen għall-uġigħ.

Ix-Xemx

Ir-raġġi tax-xemx jistgħu jaħarqu l-ġilda (sunburn) u jagħmlu ħsara fit-tul (ixejħu l-ġilda u jżidu r-riskju ta’ cancer). It-tfal żgħar huma aktar fil-periklu. Applika sunblock (SPF 50) fuq il-ġilda mikxufa; kappell u ilbies; fittex id-dell u tmorrux il-baħar bejn il-ħdax u l-erbgħa.

Heat Stoke

Din hi kundizzjoni perikoluża li tiġri meta wieħed jeżerċita ruħu żżejjed (fix-xogħol jew logħob) fis-sħana tax-xemx u għax ma jixrobx biżżejjed. It-temperatura tal-ġisem tibda’ togħla u dak li jkun iħossu għajjien ħafna, mitluq, mdardar, iħoss uġigħ ta’ żaqq u bugħawwieġ f’riġlejh. Għall-ewwel għajnuna: midd il-persuna fid-dell u għolli r-riġlejn ‘l fuq; kessaħ b’xugaman imxarrab bl-ilma u fan, jekk ikun f’sensih, agħtih jixrob ilma frisk jew sport drink. Ċempel għall-ambulanza jekk jibqa’ ħażin.

Gidma ta’ Brama

Laħlaħ il-ġerħa bl-ilma baħar (mhux bl-ilma ħelu), u tħokkx il-ġilda biex ma żżidx l-infjammazzjoni. Jekk ikunu jidhru xi biċċiet, neħħihom b’pinzetta. Applika ħall abjad b’facecloth fuq il-ġerħa għal 15-il minuta. Wara applika sapun tal-leħja u qaxxar il-ġilda permezz ta’ card (e.ż. karta ta’ l- identità). Għall-uġigħ applika xi ħaġa kiesħa għal madwar 15-il minuta jew ħu paracetamol. Jekk in-nefħa, l-uġigħ u il-ħmura jiżdiedu, kellem lit-tabib għax jista’ jkollok bżonn xi steroid cream jew antibijotiku.

In-Nemus

Għall-prevenzjoni, uża insect repellent cream/spray fuq il-ġilda; fil-kamra tas-sodda waħħal insect repellant (likwidu, jaħdem bl-elettriku – mhux dawk li suppost jaħdmu bil-ħoss, li m’humiex effettivi). Waħħal insect screens fid-dar u tħallix ilma qiegħed. F’każ ta’ gidma, aħsel bl-ilma u s-sapun; tista’ tapplika systral, hydrocortisone jew calamine lotion.

Gawdu kemm tifilħu s-sajf mat-tfal tagħkom,


Written by:
Dr Joseph Mizzi MD MRCP MRCPH

josephmizzi@onvol.net - 79551446


aboutbabies@gmail.com